Dan ix-xahar il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busutill għamel tibdil fir-responsabbilitajiet tal-Grupp Parlamentari. Lili inkarigani biex inkun Shadow Minister għall-Affarijiet Ewropej u Barranin. Dawn huma oqsma li ħdimt ħafna fihom sa minn meta bdejt l-attivita’ politika tiegħi fl-għaqdiet taż-żgħażagħ, aktar tard fil-Partit Nazzjonalista u issa bħala Membru tal-Parlament Ewropew.
Din hi responsabbilta’ li qed inħares lejha b’entużjazmu, enerġija u dedikazzjoni. Il-ħidma Ewropea tolqot lil kull wieħed u waħda minna. Fl-għaxar snin li ilna membri tal-Unjoni Ewropea ittieħdu diversi inizjattivi f’oqsma differenti bħall-impjiegi u t-taħriġ tal-ħaddiema, l-investimemt u l-industrija, il-qasam ambjentali u l-kwalita’ tal-ħajja, fl-edukazzjoni u fis-saħħa, fit-turiżmu, fl-infrastruttura u t-toroq. L-Għawdxin ukoll gawdew minn diversi inizjattivi u skemi differenti fosthom biex jiżdiedu l-impiegi, jitħarrġu aktar ħaddiema u biex saru għadd ta’ proġetti. Il-Partit Nazzjonalista jrid li r-rankatura li kien qabad pajjiżna fl-ewwel għaxar snin tas-sħubija tkompli, billi jittieħdu l-aħjar deċiżjonijiet.
Anki fil-politika barranija jeħtieġ li pajjiżna jkompli jieħu l-aħjar deċiżjonijiet. Deċiżjoni ħażina tista’ ttappan id-dehra ta’ Malta u nitilfu r-reputazzjoni li ħdimna għaliha tul is-snin. Reputazzjoni ħażina tista’ tfisser telf ta’ investiment, telf ta’ impjiegi u nuqqas ta’ fiduċja f’pajjiżna.
Bħala Shadow Minister tal-Affarijiet Ewropej u Barranin se naħdem biex il-Partit Nazzjonalista jkompli jiżviluppa l-politika tiegħu f’dawn l-oqsma għal ġid tiegħek. Se nkun qed neżamina dak li qed jagħmel il-Gvern, biex naraw li miexi fit-triq it-tajba għal pajjiżna.
Se nkun qed niltaqa’ ma’ individwi u għaqdiet marbuta ma’ dawn l-oqsma. Nistiednek biex inti wkoll taqsam miegħi l-ideat tiegħek billi tibgħati e mail jew tibgħati messaġġ fuq facebook. Tista’ ukoll iċċempilli fuq 99240514.
![]()
Roberta Metsola
Membru tal-Parlament Ewropew
Agħfas hawn biex tara d-diskors tiegħi fil-Parlament Ewropew dwar it-traffikar tan-nies
Il-Gvern għandu jraħħas il-prezz tal-fuel immedjatament
Il-Prim Ministru Joseph Muscat jaħseb li jista’ jibqa’ jikser il-wegħdi li għamel hu stess, qiesu xejn mhu xejn. Meta hu kien fl-oppożizzjoni kien jinsisti li l-prezz tal-fuel m’għandux jogħla u dan meta l-prezz internazzjonali taż-żejt kien jitla’ għal $150 kull barmil. Illum is-sitwazzjoni inqalbet ta’ taħt fuq: il-prezz internazzjonali tbaxxa ħafna tant li hemm pajjiżi ewropej fejn il-prezz hu anqas minn ewro kull litru filwaqt li f’Malta int qed tħallas €1.42 għal petrol u €1.35 jekk tuża d-diesel. Dan mhux sew.
Il-konsumatur Malti għandu jgawdi mit-tnaqqis tal-prezz internazzjonali kif qed jagħmlu popli ta’ pajjiżi oħra Ewropej.
Il-Prim Ministru jibqa’ jitlob lill-poplu biex jirringrazzjah talli s-sena li għaddiet raħħas il-prezz b’2 ċenteżmi. X’insult!
Il-Partit Nazzjonalista ppreżenta mozzjoni fil-Parlament u qed jitlob lill-Prim Ministru biex immedjatament jagħmel kif għamlu pajjiżi oħra u jraħħas il-prezz tal-fuel.
L-oppożizzjoni qed taġixxi f’ismek u fl-interess tiegħek.
Sfidi kbar fil-qasam tas-sigurtà
“Bħalissa qed niffaċċjaw sfidi fil-qasam tas-sigurtà li qatt ma kellna bħalhom. Irridu naħdmu flimkien sabiex inkunu pass qabel dawn in-networks ta’ terroristi li jinsabu fostna waqt li fl-istess ħin irridu nirrispettaw id-drittijiet tagħhom u l-mekkaniżmi ta’ kontroll li għandna bħalissa fl-Ewropa. Hija r-responsabilità tagħna li niffukkaw fuq l-estremiżmu u rridu nipprovaw nieħdu mizuri biex inneħħu dan l-estremiżmu….”
» Agħfas hawn biex taqra din l-intervista
Kelli l-opportunità nżur operazzjoni ta’ salvataġġ mill-Migrant Offshore Aid Station (MOAS) u naħseb li din l-inizjattiva hija eżempju għall-istati kollha tal-UE. Huma proġetti bħal dawn li se jgħinu jiġġieldu ‘il-kultura ta’ indifferenza’ fejn tidħol il-kwistjoni
tal-immigrazzjoni. L-istati tal-UE ma jistgħux jaħarbu mir-responsabbilita’ sempliċiment għaliex mhux qegħdin fil-Mediterran. Din hija kwistjoni Ewropea u jeħtieġ li jkun hemm soluzzjoni Ewropea.
Agħmel Kuntatt Miegħi
Jekk trid tagħmel kuntatt miegħi jew mal-Partit Nazzjonalista tista’ ċċempel fuq in-numru 99240514 jew tibgħat email fl-indirizz info@robertametsola.eu
If you want to read this information in English you may wish to send an email on info@robertametsola.eu or access the following:
» www.robertametsola.eu
» www.facebook.com/roberta.metsola





