“Il-ballun issa qiegħed f’saqajn il-Gvern biex jieħu azzjoni” – L-Ewro Deputati David Casa u Roberta Metsola.
Il-Parlament Ewropew f’riżoluzzjoni konġuna, fid-dawl tat-traġedja li seħħet qrib Lampedusa, irrikonoxxa l-isforzi kbar li qed jagħmlu l-poplu Malti u Taljan fejn tidħol l-immigrazzjoni.
Il-mozzjoni li tressqet mill-gruppi politiċi kollha – il-Partit Popolari Ewropew, is-Soċjalisti, il-Ħodor u l-Liberali – ġiet approvata llum.
Il-membru parlamentari ewropew Roberta Metsola qalet li din ir-riżoluzzjoni saret wara ġimgħat sħaħ ta’ negozjati iebsa. Hi qalet li din hi pass fid-direzzjoni t-tajba għax finalment l-isforzi u s-sagrifiċċji li qed jagħmlu l-Maltin u t-Taljani qed jiġu rikonoxxuti minn kull grupp politiku.
Roberta Metsola ftit tal-ġimgħat ilu għamlet diskors fil-Parlament Ewropew fejn saħqet li l-Unjoni Ewropea għandha tikkonsidra proposti differenti u ġodda fejn tidħol l-immigrazzjoni irregolari biex tassigura li t-traġedji li rajna u li qed isiru ma nerġgħu narawhom qatt aktar. Hi qalet li b’sodisfazzjon tinnota li din ir-riżoluzzjoni tirrikonoxxi dawk il-proposti u s-sejħiet li saru biex ikun hemm solidarjeta’ u responsabbilita’ kollettiva bis-serjeta’, biex ikun hemm pieni aktar ħorox għal min jittraffika lin-nies, biex jiżdiedu l-fondi għall-EASO u l-FRONTEX.
Il-membru parlamentari ewropew David Casa qal li “dan huwa pass importanti li jenfasizza l-impenn tal-Parlament Ewropew biex jipproponi azzjonijiet konkreti sabiex l-Unjoni Ewropea tindirizza l-immigrazzjoni irregolari u jafferma mill-ġdid li r-rilokazzjoni ta’ dawk li jgawdu minn protezzjoni internazzjonali kif ukoll dawk li qegħdin ifittxu l-ażil, hu wieħed mill-iktar forom konkreti ta’ solidarjetà u tat-tqassim tar-responsabbiltà, u li jerġa’ jenfasizza l-importanza ta’ progetti bħall-Pilot Project for Intra-EU Relocation from Malta (EUREMA)”.
“Proposti li semmejt fil-Parlament Ewropew ġew integrati f’din il-mozzjoni, inkluż il-bżonn li l-immigrazzjoni rridu nħarsu lejha b’mod ħolistiku u li r-responsabbilita’ m’għandiex taqa’ biss fuq il-pajjiż li fit-terittorju tiegħu jiġu salvati n-nies mill-għarqa – Malta ilha tisħaq li qed terfa’ piż kbir għad-daqs u r-riżorsi tagħha”, saħqet Roberta Metsola.
Ir-riżoluzzjoni tinkludi wkoll l-importanza li fejn jidħol l-ażil ikun hemm responsabbilita’ li tintrefa minn kulħadd. Tirrikomanda wkoll li jinħoloq mekkaniżmu bbażat fuq kriterji oġġettivi biex jitnaqqas il-piż minn fuq il-pajjiżi li għandhom numru kbir ta’ nies ifittxu l-ażil jew li ngħataw protezzjoni internazzjonali. “Din hi kruċjali għal Malta u turi li l-Parlament Ewropew ingħaqad biex jagħti appoġġ lil Malta u lill-Italja. Fil-Parlament Ewropew tajna sehmna, ħdimna, irsistejna u issa l-ballun qiegħed f’saqajn il-Gvern biex jikkonvinċi lill-pajjiżi l-oħra biex it-triq li witta l-Parlament Ewropew u dak li ġie approvat jitwettaq biex ikun hemm riżultati effettivi u konkreti.” temmet tgħid Roberta Metsola


