Kif taf, is-Sibt li ġej se nivvutaw fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Iridu jiġu eletti 6 Membri Parlamentari Ewropej biex, bl-aħjar mod, jirrapreżentaw lilek.
Tul is-sena li ilni Membru tal-Parlament Ewropew, wara li ġejt eletta minflok Dr Simon Busuttil, ressaqt quddiem il-Parlament Ewropew l-aspirazzjonijiet tal-Maltin u l-Għawdxin. Fl-istess waqt, dak li kien qiegħed jiġi propost fil-Parlament Ewropew iddiskutejtu mal-għaqdiet tal-ħaddiema, ta’ min iħaddem, tan-negozji żgħar u medji u tal-konsumatur u mal-NGOs biex dan ikun tal-akbar benefiċċju għal pajjiżna.
Ressaqt fil-Parlament Ewropew diversi issues li jolqtu mill-qrib lil kull wieħed u waħda minna: l-edukazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ, il-ħolqien ta’ impjiegi b’pagi tajbin u kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar, it-tkattir tal-investiment u opportunitajiet għall-SMEs, is-saħħa u s-servizzi għall-anzjani, u d-drittijiet tat-tfal u tal-konsumaturi.
Għall-ħames snin li ġejjin il-prijoritajiet tal-kandidati eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista huma: l-jobs u t-tkabbir ekonomiku li minnu jgawdi kulħadd, is-saħħa u l-ambjent.
Mill-għazla tiegħek jiddependi liema kandidati se jiġu eletti. Inħeġġek biex wara li tagħmel l-għażla tiegħek billi tivvota n-numru 1, tkompli tivvota għall-kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista. Hu b’dan il-mod biss li l-ebda vot ma jintilef u l-Partit Nazzjonalista għall-ewwel darba jkollu ċ-ċans li jtella’ 3 Membri Parlamentari Ewropej.
![]()
Roberta Metsola
Membru tal-Parlament Ewropew


