Il-Membru Parlamentari Ewropew Roberta Metsola għada kif ġiet appuntata rapporteur, f’isem il-Partit Popolari Ewropew (PPE), fuq id-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ orjentazzjoni sesswali u l-ġlieda kontra l-omofobija.
Roberta Metsola qalet li hi bħala ewro-parlamentari għandha l-opportunita’ li minn din l-istituzzjoni taħdem kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni. Hi żiedet li l-omofobija u l-vjolenza għadhom komuni fl-Ewropa u jrid isir sforz biex dawn jinqerqu darba għal dejjem. Bħala rapporteur hi se tkun qed titlaqa’ mas-socjeta’ ċivili f’Malta u ma’ NGOs Ewropej biex tisma direttament l-proposti tagħhom u kif huma jaħsbu li għandha tkun it-triq ‘il quddiem fl-Ewropa.
Hi kompliet tgħid li hu ta’ tħassib li l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar id-drittijiet fundamentali (FRA) irrapurtat li fl-aħħar ħames snin, persuna minn kull erbgħa, li huma gays, leżbjani, bisesswali, transesswali jew intersex ġew mhedda jew attakkati fiżikament. L-istess rapport jgħid li persuna Maltija qalet li l-bullying l-iskola hu l-agħar forma ta’ abbuż li sofriet.
“Wasal iż-żmien, li nifthu kaptilu ġdid u nimxu ‘l quddiem. Mill-Parlament Malti għaddew liġijiet dwar reati ta’ mibgħeda, u f’Ġunju li għadda l-Membru Parlamentari Nazzjonalista Claudette Buttigieg ippreżentat liġi privata biex tiġi emendata l-kostituzzjoni u b’hekk jiżdied il-ħarsien kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni fuq bażi ta’ orjentazzjoni sesswali” kompliet tgħid Roberta Metsola.
Irridu ningħaqdu lkoll flimkien u nwarrbu kull politika partiġġjana biex b’mod konkret nuru li l-preġudizzji, l-bullying u d-diskriminazzjoni ma hemmx lokhom u huma inaċċettabbli. Il-Malta Gay Rigths Movement esprimiet tama li l-politiċi Maltin ser jitkellmu kontra l-preġudizzji u jikkomettu ruħhom favur din il-kawża pubblikament. Din hi l-pożizzjoni tiegħi ukoll u nistieden lill-politiċi biex jingħaqdu flimkien, saħqet Roberta Metsola.
Hi temmet tgħid li rridu naħdmu aktar kontra l-bullying, l-abbuż, id-diskriminazzjoni, l-oppressjoni u l-użu tal-forza. Irridu nieħdu vantaġġ minn dan il-mument u naħdmu fuq pjan li jagħti riżultati wara li nkunu kkunsidrajna l-opinjoni ta’ kulħadd.


