Il-Membru Parlamentari Ewropew Roberta Metsola iltaqgħet mal-Ministru Somala għall-Iżvilupp Uman u s-Servizz Pubbliku Dr Maryan Qasim. Waqt il-laqgħa huma tkellmu dwar il-protezzjoni li Malta qed tagħti lil ċittadini Somali li jitilqu minn dan il-pajjiż, li lkoll jitkellmu dwar id-diffikultajiet li jgħaddu minnhom fis-Somalja iżda fl-istess waqt huma ħerqana li pajjiżhom iqum fuq saqajh biex ikunu jistgħu jerġgħu lura flimkien mal-familji tagħhom.
Roberta Metsola qalet li l-Gvern Malti għandu jiżviluppa relazzjonijiet diplomatiċi ġodda mas-Somalja. Hu biss billi jkun hemm stabbilita’ u bidu ta’ ħajja ġdida li s-Somali jkunu jistgħu jerġgħu imorru lura f’pajjiżhom.
Roberta Metsola faħħret il-kampanja li qed issir mill-UNICEF u mill-Unjoni Ewropea “Go to School”, li għandha l-għan li tipprovdi edukazzjoni lil miljun tifel u tifla mis-Somalja. Il-Membru Parlamentari Ewropew ħeġġet biex ir-rankatura li nqabdet ta’ żvilupp pożittiv fis-Somalja tkompli għal ġid tal-poplu Somalu.
Roberta Metsola iltaqgħet ma’ Dr Maryan Qasim waqt konferenza li għaddejja bħalissa fi Brussel bit-tema “A New Deal for Somalia”. Il-Membru Parlamentari Ewropew Maltija ospitat u inawgurat esebizzjoni ta’ ritratti li ġiet imtella’ flimkien mal-UNICEF. Din il-wirja ta’ ritratti tiftaħ tieqa fuq il-ħajja li jgħixu t-tfal Somali li qatt ma naraw bħalhom. Xeni li issa t-tfal draw jgħixu fihom wara 20 sena ta’ kunflitti u gwerra. Uħud mir-ritratti ttieħdu mit-tfal stess bħala parti mill-kampanja ta’ UNICEF dwar l-ilma u n-nutrizzjoni. Ritratti oħra ttieħdu mill-fotografu professjonali Kate Holt u jagħtu perspettiva aktar wiesgħa fosthom il-mard li jgħaddu minnhom dawn it-tfal.
Waqt li niediet il-wirja, Roberta Metsola qalet li l-konferenza li saret fi Brussel turi l-involviment tal-komunita’ internazzjonali u l-impenn tal-Gvern Somalu biex il-kwalita’ tal-ħajja tas-Somali titjieb. “It-tfal jagħtu tama u kulħadd għandu jaħdem biex tingħatu ħajja aħjar lil dawn it-tfal. F’din il-wirja t-tfal ħarġu l-kreattivita’ tagħhom u l-komunita’ internazzjonali ukoll għanda l-obbligu li tagħti ġejjieni aħjar lil dawn it-tfal.”
Għat-tnedija uffiċjali ta’ din il-wirja attendew ukoll is-Sur Alexander Rondos, Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Qarn tal-Afrika u s-Sur Sikander Khan, Rappreżentant tal-UNICEF għas-Somalja.


